Fi żmien fejn il-pjattaformi diġitali għandhom rwol kruċjali fl-ekonomija u fil-ħajja ta’ kuljum, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (‘Digital Services Act’ jew ‘DSA’), huwa kkunsidrat bħala żvilupp leġislattiv importanti fl-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, huwa essenzjali li dan l-Att tal-UE, li mistenni jidħol kompletament fis-seħħ fis-17 ta’ Frar 2024, jiġi mifhum min-negozji u ċ-ċittadini Maltin.
Id-DSA jipprovdi qafas legali komprensiv għar-regolamentazzjoni tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji il-għan li joħloq ambjent onlajn aktar sigur u responsabbli. Element ewlieni ta’ dan l-Att huwa l-eżenzjoni mir-responsabbiltà, fejn il-fornituri mhumiex ġeneralment responsabbli għal kontenut illegali imtella’ mill-utenti sakemm il-fornituri jieħdu azzjoni xierqa u immedjata ladarba jiġu infurmati jew jindunaw bih.
Biex nifhmu aħjar l-ambitu tad-DSA, huwa importanti li nifhmu x’jikkostitwixxi ‘Fornitur tas-Servizzi Intermedjarji’. Skont id- DSA, dawn il-fornituri jinkludu entitajiet li joffru servizzi ta’ cloud hosting, pjattaformi tal-midja soċjali, marketplaces onlajn, u magni tat-tiftix onlajn. Dawn jitqiesu bħala intermedjarji peress li jiffaċilitaw interazzjonijiet jew tranżazzjonijiet bejn partijiet terzi fuq l-internet, iżda li tipikament ma jikkontrollawx il-kontenut jew l-attivitajiet li jsiru permezz tas-sistemi tagħhom.
Id-DSA tistabbiliixxi obbligi varji fuq dawn il-fornituri, skont it-tip u d-daqs tagħhom. Dawn l-obbligi jinkludu protokolli ta’ avviż u azzjoni, trasparenza fl-operat, proċessi effiċjenti fit-trattament tal-ilmenti, u l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall- protezzjoni tat-tfal.
Huwa importanti li nifhmu li d-DSA mhuwiex maħsub biex jissostitwixxi l-liġijiet eżistenti. L-Att jistabbilixxi regoli ċari dwar il-mod kif il-fornituri għandhom jirreaġixxu meta jiltaqgħu ma’ kontenut illegali. F’Malta dan ifisser li l-qafas legali nazzjonali attwali jibqa’ prattikament li hu. Id-DSA jintroduċi regolamentazzjoni addizzjonali li tassigura li l-kontenut ipprovdut lill-fornituri, anke dawk ibbażati barra minn Malta, ikun suġġett għall-istess standards u liġijiet. Id-DSA ġie żviluppat minħabba r-realtajiet ġodda f’dinja globalizzata u diġitali, fejn l-isfidi bħall-bejgħ ta’ prodotti illegali, il-materjal t’ abbuż fuq it-tfal, u n-nuqqas ta’ trasparenza fir-reklamar onlajn saru problematiċi.
F’Malta, l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) se taqdi l-irwol ta’ Koordinatur tas-Servizzi Diġitali (‘Digital Services Coordinator’ jew ‘DSC’), u se tkun responsabbli għas-superviżjoni tal-implimentazzjoni tad-DSA u ż-żamma tal-konformità man-normi tad-DSA mill-fornituri li huma bbażati
f’Malta. Hekk kif qegħdin nersqu iktar qrib lejn l-infurzar sħiħ tad-DSA, huwa essenzjali li n-negozji u ċ-ċittadini Maltin jibqgħu infurmati u lesti.
Dan l-Att tal-UE jirrappreżenta pass importanti lejn ekonomija diġitali aktar responsabbli u ffukata fuq l-utent, fejn il-ħarsien tad-drittijiet u s-sigurtà tal-utenti huma prijorità.